Dan l‑aħħar, kellna nassistu għan‑narrattiva tal‑esponenti ewlenin tal‑Partit Popolari Ewropew, li bdew isejħu biex jiżdied l‑infiq tad‑difiża tal‑UE. Madankollu, hawnhekk irridu noqogħdu attenti x’tip ta’ nfiq. Dak li qed jipproponu mhuwiex nfiq għad‑difiża li joħroġ mill‑baġit tal‑UE. M’hemmx għażla dwar dan. Il‑Baġit tal‑UE ma jistax jiffinanzja armi letali. It‑Trattat ta’ Lisbona huwa ċar. Jekk jogħġbkom aqrawh, għax ili nipprova nispjegah lill-midja, darba wara l‑oħra. Dak li qed jitolbu huwa ovvjament espansjoni fl‑infiq tad‑difiża permezz ta’ kontribuzzjonijiet bilaterali, li jridu jinħarġu minn fondi pubbliċi, ovvjament il‑flus mit‑taxxi tal‑Ewropej.
Meta nħolqot in‑NATO, l‑idea kienet prinċipalment li żżomm l‑Amerikani ġewwa, l‑Unjoni Sovjetika barra u l‑Ġermaniżi l’isfel. S’issa, żammejt in‑narrattiva diplomatika tiegħi. Madankollu, se nagħmel eċċezzjoni. Sinċerament, naħseb li d‑diplomazija ma taħdimx mal‑membri tal‑PPE. Ursula von der Leyen, Manfred Weber, Roberta Metsola, u dawk kollha involuti, iridu jwieġbu għall‑mistoqsijiet kollha, li huma tabilħaqq mehmuża mad‑dikjarazzjonijiet li għamlu fi-passat. Apparti li l-Kap tal-Oppożizzjon infexx jitkellem fuq affrijeit domestiċi u mhux politika internazzjonali f’laqgħa tal-PPE. Dawn tista’ ssibhom online. Għadu ma qalilnix jekk hux favur tal‑armi nukleari? Hija sempliċi iva jew le. Nista’ ngħidlek li jien kontra. Sfortunatament, l‑UE mhux nagħrafha iżjed. Din hija parodija tal‑bidu u l‑eżistenza tal‑UE. Hija verament sitwazzjoni tad‑daħq.